Għażiż nannu Toni,
Se nieħu l-opportunita’ biex fl-aħħar nispjegalek sewwa dak li nkun nixtieq ngħidlek imma l-fatt li l-lingwa Taljana għadni ma tgħallimthix kemm nixtieq, ma tippermettilix li nispjega ruħi sewwa miegħek u man-nanna.
Xi ħaġa għan-nanna Franca
Ħa nibda’ bin-nanna l-ewwel! Nanna Franca, nixtieq ngħidlek kemm jiena ferħana li sirt parti mil-familja kbira u sabiħa tiegħek. Nixtieq ngħidlek li nkun ħerqana biex niġi Padova ħalli ngawdukom ftit. Nieħu gost ħafna meta mmorru l-quddies flimkien meta nkunu Padova u nibqħu sejrin nieħdu kafe’ (jew tnejn!). Ta’ dan kollu nixtieq ngħidlek grazzi!
Xi tfisser għailja nannu
L-ewwel nixtieq nibda billi ngħid li figura ta’ nannu qatt ma kelli f’ħajti. Missier missieri miet meta missieri kellu sittax-il sena u allura jiena ma niftakrux. Missier ommi, niftakru ftit. Peress li hu u n-nanna kienu separati, ma tantx konna narawh. Allura nista’ ngħid li kif Carlo kien qalli li għad għandu nannu, fraħt ħafna, u f’qalbi mill-ewwel għidt, “mela erġajt għandi nannu!” L-unika biża’ li kelli, kienet li forsi ma tistmanix daqs in-neputijiet l-oħra (li ovvjament kont diġa’ aċċettajtha u fhimtha għax bir-raġun). Pero’ dan ma kienx minnu, għax mhux talli aċċettajtni, talli tassew tistmani daqs li kieku niġi minnek anka mid-demm.
Skużani jekk forsi, għal bidu speċjalment, ma tantx kont nuri emozzjoni u ma tantx kont nitkellem imma l-verita’ kienet li ma kontx naf kif sippost nirreaġgixxi ma’ nannu li jagħti kas u li verament iħobb lill-familja tiegħu. Kont nibża’ ukoll li jekk ikolli t-tfal, ma nkunx naf kif għandu jirrelata magħhom missieri u Maurizio, imma speċjalment missieri peress li tilef lil missieru meta kien żgħir ħafna. Inti tajtna eżempju fuq xiex nimxu.
Kont magħna fl-isbaħ mumenti
Apparti li ltqajna kemm stajna matul is-sena, f’dawn l-aħħar sitt snin (fis-sajf, fil-Milied, etc..), kont magħna ukoll fl-aqwa mumenti ta’ ħajjitna. Qiegħda nirreferi b’mod speċjali għal magħmudija ta’ Carlo, għat-tieġ tiegħi ma’ Carlo u għal gradwazzjoni tal-baċellerat ta’ Carlo. Dawn ser jibqgħu dejjem fil-memorja tiegħi u nixtieq ngħidlek li apprezzajt ħafna l-fatt li kont preżenti f’dawn il-mumenti tant speċjali għalina akkost ta’ kollox.
Kelmtejn ta’ l-aħħar
Ma rridx nikteb fit-tul għax meta nibda nikteb ma nieqafx jien! Imma biex nikkonludi, għażilt ritratt tant għal qalbi li jpoġġili tbissima fuq wiċċi kull darba li jiġi f’idejja.
Minn Malta qiegħda nibgħatlek tgħanniqa virtwali u fl-istess waqt ngħidlek grazzi nannu Toni u ninsab ħerqana biex nerġa’ nduq il-qaqoċċ speċjali tiegħek!
Saħħiet,
Brenda
Ringrazzjament speċjali lil żewġi Carlo talli għinni nitraduċi dan il-ħsieb tiegħi mil-Malti għat-Taljan.